Kumitat Amministrattiv 2020-2022

Messaġġ mill-President
Is-Sur Charles Micallef
Nibdew mixja preparata ghal wara l 125 sena
Matul dawn il-125 sena, l-Għaqda tagħna għaddiet minn diversi suċċessi, kemm bandistiċi u anke amministrattivi . Fosthom kellna l-parteċipazzjoni bil-banda fis-servizzi tal-Parroċċa tagħna b'konsistenza, kemm fil festa titulari ta' San Ġorġ u anke fil-festi sbieħ tal-Ġimgħa Mqaddsa. Introduċejna l-bandisti nisa fil-baned, rbaħna konkorsi fosthom il-Banda tar-Repubblika. Għamilna diversi servizzi barra minn xtutna. Sar, fl-opinjoni tiegħi, l-akbar investiment meta nxtrat s-Sede tagħna u sirna sidien ta' darna. Li kieku ma sarx dan l-investiment, kieku illum ma kienx ikun possibli li jkollna Palazz mill-isbaħ.
Issa irridu nibdew naħsbu sabiex din l-Għaqda tkompli mixja wara dawn il-125 sena. Irridu inkomplu ninvestu f'ulied din l-Għaqda, nkomplu nieħdu hsieb dan il-palazz u anke nkomplu insebbħuh . Irridu naħdmu u nkomplu nsaħħu s-sistema finanzjarja ta' din l-Għaqda. Dan kollu jista jsir, billi nżommu saqajna mal-art u ma nieħdu xejn bi żgur. Kull deċiżjoni għanda tittieħed u tintiżen x'ser ikunu il-konsegwenzi ta' wara, jekk humiex ta' ġid għal din l-Għaqda, jew jekk ikunux ta' deni għal din l-Għaqda.
Jien ninsab ċert li din l-Għaqda għanda l-mezzi biex ta' warajna jibqgħu imexxuha u iħalluha lil ta' warajhom aħjar milli ħaduha huma. B hekk ikunu nistgħu nwasslu lil din l-Għaqda għal mixja lejn il-150 sena.