L-Istorja tal-Banda San Ġorġ Martri

Ta’ min isemmi li f’din l-istess sena, il-Banda San Ġorġ Martri bdiet ukoll tiġi mistiedna għal festi barra minn xtutna, hekk kif fil-21 ta’ Settembru delegazzjoni mill-Filarmonica San Giorgio żaret il-Belt ta’ Reggio di Calabria. Dan ma kienx l-uniku servizz tagħha ‘il bogħod minn Malta, iżda tajjeb li nsemmu wkoll dak tad-29 ta’ Mejju 1897 f’Siracusa. Dik is-sena stess, ħadet sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-ġublew tad-djamanti tar-Reġina Vittorja. Dan l-impenn juri li l-Banda dejjem kompliet tissaħħaħ u tiġġedded fil-qasam tal-Mużika.

Is-sena 1898 rat tibdil fid-direzzjoni Mużikali, hekk kif it-treġija tal-banda issa mxiet taħt id-direzzjoni tas-Surmast Vincenzo Carabott. Mro Carabott kien Surmast stabbilit u serva f’diversi Baned f’Malta. Wieħed minn uħud ta’ xogħlijiet tiegħu huwa l-Innu Sinfoniku idddedikat lil San Ġorġ.

Is-Surmast Nikola Montebello, is-suċċessur ta’ Carabott fl-1906 kien diġa magħruf sew fil-qasam mużikali li kien ukoll wieħed mill-ewwel bandisti  fit-twaqqif tal-Banda. Għal diversi snin, il-Banda kienet pijuniera fil-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa b’sett ta’ valzi mill-pinna tal-istess Surmast, innovazzjoni għal Malta. Sal-1990, kienet l-unika Banda li takkumpanja l-purċissjoni ta’ Kristu Rxoxt bil-valzi tal-Għid.

Fis-sena 1921, il-Banda San Ġorġ għaddiet taħt id-direzzjoni tas-Surmast Antonio Abela li dam jokkupa din il-kariga sal-1924. Matul dan il-perjodu, l-istess Surmast ikkopmona Innu lil San Ġorġ li ukoll jinsabu fl-arkivju tal-Għaqda.

Minkejja dan, is-snin sussegwenti kien perjodu diffiċli, hekk kif Malta keinet sfat attakkata mill-Gwerra. Lejn is-sena 1924, is-Surmast Giovanni Vella ġie maħtur bħala Surmast Direttur u għamel dan sal-1950. Taħt id-direzzjoni ta’ Vella, il-Banda San Ġorġ Martri kompliet iżżid il-popolarita tagħha fil-festi madwar Malta. Madankollu, anke fil-festa ta’ San Ġorġ kellha sehem prinċipali.

Fid-29 t’April 1929, is-Societa Filarmonica San Giorgio ingħatat it-Titlu ta’ ‘La Patriotica’ minn Monsinjur Enrico Dandria bħala rikonoxximent tal-appoġġ li l-każin kien ta lill-kawża patrijottika.

 

L-Impenn tal-Banda fuq skala nazzjonali kompla jinfirex matul is-snin. Fl-14 ta’ Mejju 1935, il-banda tellgħet programm fi pjazza tal-Knisja Parrokkjali tal-Belt Valletta bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet fil-ġublew tal-fidda tar-Re Gorg V. Mhux biss, iżda anke esebixxiet programm mużikali fl-14 ta’ Mejju 1937 fl-inkurunazzjoni tar-Re Gorg VI.

Is-snin tal-erbgħajnijet xejn ma kienu sbieħ għal pajjiżna u tant ieħor għal Ħal Qormi, hekk kif pajjiżna safa milqut mill-Gwerra. Minkejja dan, il-Banda kienet ittellgħa programmi mużikali minn żmien għal żmien. Hekk kif intemmet il-Gwerra, il-Banda kompliet ġmielha bis-servizzi tal-festa, kompliet issaħħaħ il-Banda u kompliet timraħ lil’ hinn minn Ħal Qormi.

Anton Muscat Azzopardi, id-Direttur Mużikali bejn is-snin 1950 u l-1963. Taħt it-tmexxija tiegħu, il-Banda ħadet sehem fi sfilata fi Strada Rjali l’Belt Valletta kif ukoll tellgħet Programm Mużikali ġewwa Ħal Qormi fl-okkażjoni tal-inkurunazzjoni tar-Reġina Eliżabetta II.

 

Kienet is-sena 1963 li s-Surmast Abel J.Mizzi ħa f’idejħ id-Direzzjoni tal-Banda. L-ewwel programm li dderieġa bħala Surmast Direttur kien dak ta’ Ħadd il-Palm tal-1964. Fost id-diversi kompożizzjonijiet tas-Surmast Mizzi insibu it-tlett innijiiet li bihom il-Banda tagħlaq il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira f’Ħal Qormi. L-Impenn ta’ din il-banda kompla jikber hekk kif fl-1965 introduċiet l-ewwel bandisti nisa, innovazzjoni għall-Malta. Matul iż-żmien, il-Banda kompliet tinvesti fit-tagħlim tal-mużika u l-aljievi tagħha. Is-sena 1967 rat lill-Banda San Ġorġ tilqa’ lir-Reġina Eliżabetta fil-pjazza tal-Vitorja. Propju fl-istess sena, il-Banda għamlet marċ filgħodu fl-okkażjoni tal-festa liturġika. Filwaqt li fis-sena 1969, għamlet servizz ieħor fil-festa, dak tat-tieni jum tat-tridu fejn akkumpanjat l-Istatwa ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel. Din il-Banda kompliet iżżewwaq is-servizzi Bandistiċi tagħha, permezz tas-servizzi tal-Milied fejn bdiet iddoqq għanjiet tal-Milied mat-toroq tal-parroċċa.

Is-sena 1983 kienet tfisser suċċess, hekk kif il-Banda San Ġorġ Martri rebħet il-konkors nazzjonali tal-Baned, kif ukoll ingħatat it-titlu ta’ Banda tar-Repubblika.

Matul il-mixja tagħha, din l-Għaqdet kompliet taħsad il-frott tagħha. Il-Kumitat Amministrattiv kien ilu għal bosta snin jippjana sabiex jikseb il-propjetà tiegħu. Fit-18 ta’ Marzu 1984, sar il-kuntratt għax-xiri tal-Propjeta, is-sede li nafu llum. Għalhekk il-Każin San Ġorġ issa beda mixja oħra sabiex jindokra u jinvesti f’darhu. Għalhekk saru diversi rinovazzjonijiet u investimenti f’din is-sede. Il-Banda kompliet bl-impenn mużikali tagħha, hekk kif fl-1992 bdew ċelebrazzjonijiet għal festi ċentinarji. Ħarġet ukoll ‘il barra mill-kontinent Ewropew u żaret Toronto  fejn tellgħet programm ta’ mużika Sagra. Din is-sena ma naqsietx miċ-ċelebrazzjonijiet tant li il-Banda bdiet tħejji għall-festi ċentinarji u eżegwiet diversi marċi kif ukoll Akkademja mużiko-letterarja. 1993, is-sena fejn ġew imwaqqfa il-Kummissjoni Żgħażagħ Werqisti u l-Kummissjoni Sports, żewġ kummissjonijiet li għadhom jiffunzjonaw sal-lum il-ġurnata.

Wara diversi snin, it-tmexxija tal-Banda għaddiet taħt id-direzzjoni tas-Surmast Mario Testa propju fl-2003. Is-Surmast Testa ikkompona diversi marċi brijużi u funebri, kif ukoll diversi arranġamenti mużikali. Programm vokali u strumentali fl-Istitut Kattoliku jfakkar il-110 anniversarju mill-fondazzjoni tal-Għaqda. Ġiet esegwita għall-ewwel darba il-cantata Ġawhra Prezzjuża. Programm ieħor kien dal tal-Akkademja Mużiko-Letterarja li ttellgħet fil-knisja Arċipretali fl-okkażjoni tal-għeluq tas-sena ċentinarja. Ix-xogħol fis-sede tal-Għaqda kompla għaddej ġmielu hekk kif bdew jinbnew żewġ swali ġodda. Fis-Sena 2006, il-banda estendiet is-servizz tagħha f’Birmingham l-Ingilterra.

Is-Sumast Archibald Mizzi kellu jkun is-suċċessur ta’ Mro Testa hekk kif ħa d-direzzjoni tal-Banda f’idejh fl-2007. L-ewwel programm mużikali taħt it-tmexxija tiegħu kien dak tal-Home Concert li ttellgħa fis-19 ta’ Diċembru 2007. F’għeluq il-115 il-Anniversarju mit-twaqqif tal-Għaqda u f’għeluq il-mitt sena mit-rwelid tal-Avukat Ġorġ Zammit, il-Banda esebixxiet serata mużiko-letterarja. Ftit jiem wara, ppreżentat kunċert vokali u strumentali fl-Università. Fis-sena 2010, il-Banda San Ġorġ Martri laqgħet b’ferħ kbir lil Papa Benedittu XVI quddiem il-kappella tal-Vitorja.

Iktar ma għadda żmien, l-Għaqda kompliet tinvesti f’ulieda hekk kif l-iskola tal-mużika trasformat ruħha f’Akkademja Mużikali Giorgio Zarb, imsemmija propju għall-ewwel Direttur Mużikali tagħha. Iżda din l-Akkademja kien jeħtiġiela post iktar komdu fejn tkun tista’ tgħammar. Minkejja dan, l-Għaqda kompliet bil-proġetti tagħha fis-swali tas-sede. Beda x-xogħol fuq it-taraġ il-ġdid, is-sala il-ġdida u is-Sala Mizzi. Proġett ambizzjuż ieħor li nvestitiet fih din l-Għaqda kien dak li jittrasforma s-sede sabiex tiffunzjona b’enerġija nadifa u rinovabbli. Dan kien jinvolvi l-installazzjoni ta’ pompi u sistema ta’ panelli fotovoltajiċi, proġett kofinanzjat minn Fondi Ewropej.

 

Il-120 anniversarju tal-Banda ġew imfakkra permezz ta’ żewġ kunċerti. Din il-mixja kompliet sabiex waslet biex tiċċelebra il-125 anniversarju mit-twaqqif tagħha. Ġiet imwaqqfa l-Kummissjoni 125 Anniversarju propju sabiex tieħu f’idejha iċ-ċelebrazzjonijiet marbuta ma’ dan l-Anniversarju. Ġew imtellgħa diversi programmi u attivitajiet fosthom The Red’s Massed Band fejn ġew mistiedna diversi baned li jħaddnu l-kulur aħmar madwar Malta u Għawdex. Tellgħet Programm Mużikali ġewwa l-Palazz tal-Verdala, programm ta’ Kalibru għoli. Fost oħrajn ġiet inawgurata s-sala l-ġdida u tkomplew diversi xogħolijiet oħra fil-każin. Proġett ambizzjuż ieħor kien dak tal-faċċata, fejn is-sede tal-Għaqda ħadet libsa ġdida. Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet ġew fi tmiemhom permezz ta’ Akkademja Mużikali fil-Knisja Kolleġjata ta’ San Ġorġ Martri fejn għal darb oħra ġiet eżegwita il-Cantata ‘ Ġawhra Prezzjuża.

 

Din il-Banda kburija li sa minn twelidha dejjem għamlet unur lill-Belt Pinto, dejjem hemm għall-Qriema.

Tagħrif - Joseph.A Bugeja

Sa mill-ewwel snin tat-twaqqif tagħha fl-1893, il-Banda San Giorgio ħasbet sabiex issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fis-Soċjetà. Immexxija Mill-ewwel President tagħha, Giuseppe Farrugia, ħasbet sabiex taħtar Surmast illi jidderiġiha mużikalment, Mro Giorgio Zarb, assistit minn Mro Giuseppi Portelli. L-ewwel kunċert li esebixxiet, kien dak tas-6 ta’ Jannar 1894 fil-festa tal-Epifanija, taħt id-direzzjoni ta’ Zarb u Portelli. L-esebizzjoni ta’ din il-Banda ġdida niżlet tajjeb ferm mal-Qriema u kisbet bosta kliem ta’ tifħir.

Kienet propju is-sena 1894 li fetħet il-bibien għal din is-Soċjetà sabiex tieħu sehem fil-Festa ta’ San Ġorġ. Matul is-snin 1895, il-Banda kompliet bl-impenji tagħha kemm fil-festa kif ukoll f’diversi bliet u rħula oħra, taħt it-treġija tas-Surmast Carmelo Abela Farrugia.

Kuntatt

       Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri A.D 1893

       Palazz Giuseppe Farrugia

       59, Triq il-Kbira

       Ħal Qormi

       bandasangorg@live.com

Segwina

  • Facebook
  • Instagram
  • YouTube

©2020 Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri AD 1893