Il-Ġimgħa Mqaddsa

Sa minn twelidha, din l-Għaqda dejjem għarrfet iż-żmien tal-Ġimgħa Mqaddsa bħala dak fundamentali f’Beltna. Għaldaqstant tul is-snin kompliet issaħħaħ l-impenn fis-servizzi tagħha fil-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir.
Ċertament li l-aktar għal qalb din il-banda huma t-tlett innijiet li jakkumpanjaw id-dħul tal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira u l-valzi tal-Għid, mużika komposta minn żewġ surmastrijiet qriema ta’ din il-banda u li jkunu mistennija b’tant ħerqa fil-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa. Ta’ min jgħid li lejn il-bidu tas-seklu għoxrin, il-banda San Ġorġ Martri kienet takkumpanja id-dħul tal-purċissjoni bir-responsorji tas-Surmast Vincenzo Carabott. Fis-snin sittin, Mro Abel J. Mizzi ikkompona żewġ responsorji O Vos Omnes u Poplu Tiegħi u l-innu Quddiem id-Duluri liema innijiet il-banda kienet iddoqq alternament mal-marċi tul il-purċissjoni. Il-Banda kienet tkun akkumpanjata minn kor ta' tfal. Illum din it-tradizzjoni reġgħet ingħatat il-ħajja hekk kif dawn l-innijiet qegħdin jerġgħu jitkantaw fid-dħul tal-purċissjoni.

Minkejja li l-banda fiż-żminijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa għandha ħoss qawwi ferm, ta’ spiss tiġi akkumpanjata minn diversi attivitajiet marbuta ma dan iż-żmien fejn jikkumplimentaw ‘il xulxin u jagħtu stampa ċara ta’ dak kollhu li l-Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri tgħożż fi żmien tal-Ġimgħa Mqaddsa.

 

Fosthom insibu il-kunċert li jsir fil-bar area tal-każin fejn il-Banda tesebixxi marċi funebri li jkunu se jindaqqu fil-purċissjoni ta’ dik is-sena. Ta min jgħid li dan il-kunċert ikun mistenni ferm minn diversi Qriema u dilettanti tal-Ġimgħa l-Kbira. Sabiex nibqgħu fuq it-tema ta’ programmi mużikali, wieħed irid isemmi il-Programm ta’ Ħadd il-Palm. Kif propju jixhed ishmu, dan il-programm jittellgħa f’Ħadd il-Palm, programm li għal diversi snin il-Banda San Ġorġ Martri paxxiet ‘il diversi ġenerazzjonijiet bin-noti tagħha. Dan il-Programm imur lura għas-sena 1919 meta din il-Banda esebixxiet għall-ewwel darba programm ta' marċi funebri u mużika sagra.

Iżda l-Impenn ta' din il-Banda ma jieqafx hawnhekk. Tant hu hekk li f'Sibt il-Għid propju wara li tispiċċa l-funzjoni tal-quddiesa, il-banda San Ġorġ Martri torganizza marċ matul it-toroq tal-parroċċa fejn il-ħoss ewlieni jkunu in-noti ferriħija tal-valzi. Dawn il-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa jilħqu l-qofol tagħhom f'jum l-Għid il-Kbir, il-jum meta Kristu Rxoxta. Kienet propju l-Banda San Ġorġ Marti, l-ewwel banda f'Beltna li bdiet takkumpanja l-purċissjoni ta' Kristu Rxoxt kif ukoll introduċiet id-daqq tal-valzi tal-Għid.

Kuntatt

       Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri A.D 1893

       Palazz Giuseppe Farrugia

       59, Triq il-Kbira

       Ħal Qormi

       bandasangorg@live.com

Segwina

  • Facebook
  • Instagram
  • YouTube

©2020 Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri AD 1893