Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri A.D 1893

Palazz Giuseppe Farrugia

59, Triq il-Kbira

Ħal Qormi

bandasangorg@live.com

  • Facebook
  • Instagram
  • YouTube

Messaġġ mis-Segretarju

Is-Sinjorina Rosalie Grech

Banda ta’ Unur

Għeżież Ġorġjani u ammiraturi ta’ din l-Għaqda,

Żgur li għal ħafna minnha dawn il-jiem tal-festa iqanqlu fina emozzjoni u ħeġġa li twassalna biex flimkien niċċelebraw festa kif jixraq. Bla dubju li l-Banda tagħna dejjem kienet minn ta’ quddiem biex tagħmel dan, għalkemm biex wieħed jasal s’hawn żgur li mhux faċli mingħajr l-għajnuna tan-nies li dejjem kienu il-qalba ta’ din is-soċjetà. Xhud ta’ dan huma diversi avvenimenti, servizzi u proġetti ambizzjużi li din l-Għaqda daħlet għalihom bi sħiħ matul is-snin. Nibda billi nagħti ħarsa lura lejn l-2018 fejn bdejna nfakkru l-125 anniversarju mit-twaqqif tal-Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri. Imma fir-realta xi jfissru għalina 125 sena?

Impenn Mużikali – Huwa fatt magħruf li l-Banda tagħna dejjem kienet minn ta’ quddiem fil-qasam Bandistiku, primarjament fil-parroċċa tagħna. B’mod partikolari fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fejn il-Banda tagħna takkumpanja l-purċissjoni quddiem il-vara l-Kbira. Timbru ieħor li ħalliet din il-banda fil-qasam Mużikali kien il-Programm ta’ Jum il-fondazzjoni li ttelgħa fil-Palazz tal-Verdala fis-7 t’Ottubru li għadda. Żgur li l-udjenza preżenti tpaxxiet bil-programm li kien imħejji għal din l-okkażjoni. Din is-sena kienet sena oħra li naqqxet f’qalbna memorja li diffiċli li wieħed jinsiha, il-Programm Mużikali ta’ Ħadd il-Palm li kien taħt id-direzzjoni tas-Surmast Taljan Salvatore Bonaffini li ttellgħa ġewwa l-Knisja Arċimatriċi ta’ San Ġorġ Martri. Ħafna kienu dawk li għaddew kliem ta’ tifħir fuq dan il-Programm ta’ livell għoli, għalhekk nieħu din l-opportunita biex nirringrazzja lil dawk kollha involuti b’mod speċjali lil Bandisti li jagħtu s-sehem tagħhom kontinwament, lil Kummisjoni Banda u lil Kummissjoni 125 Anniversarju. L-impenn tal-Banda tagħna jkompli fil-festa ta’ San Ġorġ Martri fejn tkun hi l-Banda ewlenija li tilqa l-istatwa ta’ San Ġorġ fuq iz-zuntier fi ħruġ min-niċċa u tkun hi ukoll li tagħlaq il-festa bil-marċ tradizzjonali tagħha.

Volontarjat - Ta’ min jammira wkoll il-volontarjat fl-Għaqda tagħna li dejjem kien ta’ sostenn għal din is-soċjetà biex tkun tista’ tilħaq diversi ambizzjonijiet u proġetti li mingħajr l-għajnuna tal-voluntiera u benefatturi ma jkunux possibli. Is-sena 2019 tibqa mmarkata għal proġett ta’ restawr tal-faċċata tas-sede tagħna, il-Palazz Giuseppe Farrugia issa ingħatatlu libsa ġdida li tixraq lil din is-soċjetà li taħdem bla waqfien. Minkejja dan, mhux se niqfu hawn iżda se nkomplu ninvestu fis-sede tagħna permezz ta’ ħafna proġetti ambizzjużi. Minn qalbi nirringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor taw l-għajnuna tagħhom f’dawn il-proġetti.

Żgħażagħ – Fattur importanti f’din l-Għaqda huwa bla dubju l-ħeġġa u l-entużjażmu taż-żgħażagħ li jkomplu jżommu ħajjin ħafna elementi tal-festa tagħna. Il-Kummissjoni Żgħażagħ Werqisti żgur li hija xempju ta’ dan. Mingħajr l-isforz tagħhom ma nkunux nistgħu ingawdu l-ispettaklu li jafu joffru fil-ġimgħa tal-festa. B’wiċċi minn quddiem ngħid li nħossni parti minnhom mhux biss għax żgħażugħa iżda wkoll għax jaħdmu għal ġid tal-Banda tagħna.

Fi ftit kliem, dan hu dak li jsawwar il-Banda tagħna, dak li jgħaqqadna u dak li jsaħħaħna biex naffaċċjaw l-isfidi u l-opportunitajiet ta’ kuljum.

 

Fina jbaqbaq demm niesna ta’ dari

Tawna qalb illi tħobbok bis-sħiħ

Tul ħajjithom għożżewk bl-akbar ħeġġa

U għaddewlna dal-wirt wisq sabiħ.

Cantata Ġawhra Prezzjuża

Kliem: Kav. George Bianchi / Mużika: Mro. Ray Sciberras

Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri