Surmastrijiet tal-Banda

Giuseppe Portelli: Twieled l-Isla iżda għex parti kbira minn ħajtu il-Floriana. Huwa kien surmast ta’ diversi baned fosthom il-Banda Prince of Wales tal-Birgu, Vilhena (Floriana), La Vincitrice (Senglea) u Pinto (Qormi). Mro. Portelli kien wiċċ magħruf f’Ħal Qormi, hekk li tliet snin qabel kien involut fit-twaqqif tal-Banda Pinto f’Ħal Qormi stess. Minn Ottubru 1893 sa Jannar 1894 huwa ħejja numru ta’ bandisti sabiex fis-6 ta’ Jannar 1894, huwa dderieġa l-ewwel program mużikali tal-Banda San Ġorġ. Huwa dam imexxi l-banda sa Lulju ta’ dik is-sena.

Giorgio Zarb: Imwieled Ħal Qormi. Kien attiv mużikalment fil-Banda dei Curmini li tagħha kien l-aħħar surmast. Flimkien ma’ Mro Portelli huwa għen sabiex titwaqqaf il-Banda San Ġorġ Martri. Huwa kien co-surmast sa Marzu tas-sena 1894.Ta’ Mro. Zarb il-banda għanda numru ta’ marċi funebri, marċi proċessjonali u innu lill San Ġorġ.

Carmelo Abela Farrugia: Surmast ta’ diversi baned fosthom La Vincitrice (Senglea), San Giorgio (Bormla), Vilhena (Floriana), San Andrea (Luqa), Melita (Naxxar) u Duke of Edinburgh (Birgu). Taħt it-treġija tiegħu il-banda għamlet passi ta’ ġgant. Kien fi żmienu li l-Banda għamlet l-ewwel mawra tagħha barra minn xtutna, f’Reggio di Calabria (1895). Hu dam imexxi l-banda sal-bidu tas-sena 1897.

Vincenzo Carabott: Surmast u kompożitur prolifiku. Huwa ħa t-treġijja tal-banda qrib Mejju 1897, meta dderieġa l-Banda f’Sirakuża għal festa ta’ Santa Lucia. Għal din l-okkażjoni kien ikkompona il-marcia sinfonica Archimede. L-arkivju tas-soċjetà u mgħoni b’diversi kompożizzonijiet tiegħu fosthom marċi funebri, marċi sinfoniċi u responsorji. Għal Banda San Ġorġ huwa kkompona l-innu A San Giorgio Martire, innu għal banda, vuċijiet u kor. 

Nikola Montebello: Imwieled Ħa Qormi u kien fost l-ewwel bandisti tas-soċjetà. Huwa ħa d-direzzjoni tal-banda f’Jannar 1906, wara xiżma fi ħdan il-Każin San Ġorġ. Bil-ħila organizzattiva u l-kapaċità mużikali tiegħu, mhux biss assigura is-sopravivenza tal-banda f’dik il-burraxka iżda wkoll ta’ lis-soċjetà repertorju vast ta’ polki, notturni, sinfoniji, innijiet u marċi. Ismu jibqa marbut mas-settuniku ta’ valzi tal-Għid u l-innu iddedikat lill San Ġorġ. Huwa temm il-kariga tiegħu fl-1920.

Antonio Abela: Ħa t-tmexxija tal-Banda qrib is-sena 1921, aktarx wara l-għaqda li seħħet bejn il-Każin San Ġorġ u waħda mill-baned Pinto. Abela dam imexxi il-banda għal ftit aktar minn tliet snin.

Giovanni Vella: Imwieled il-Mosta iżda għex parti kbira minn ħajtu f’Ħal Qormi. Vella ingħata id-direzzjoni mużikali tal-Banda fis-sena 1924. Huwa mexxa l-banda fiż-żmien diffiċli tal-gwerra, fejn bi tbatija kbira kien xorta jorganizza kunċerti. Kien fi żmien is-surmast Vella li l-banda ħadet fuqha ir-responsabilità tal-festi kollha tal-parroċċa ġorġjana, kif ukoll il-Banda għamlet it-tielet mawra tagħha barra minn xtutna, f’Reggio di Calabria fl-okkażjoni tal-Kungress Ewkaritiku Reġjonali. Huwa dam imexxi il-banda sas-sena 1950. Fost il-bosta xogħolijiet li ħalla fl-arkivju tal-Għaqda insibu bosta marċi funebri.

Anton Muscat Azzopardi: Surmast ieħor Qormi li mexxa l-banda bejn l-1950 u l-1958 u bejn l-1959 u l-1963. Fi żmien dan is-surmast qormi, kienet riformata l-iskola mużikali tas-soċjetà, skola li sallum hija nixigħa ta’ talent mużikali. Fl-interval bejn is-snin 1958 u l-1959, il-banda kienet diretta mill-Aġent Surmast, Mro.Vincenzo Ciappara.

Abel Joseph Mizzi: Imwieled f’familja b’rabta antika mas-soċjetà, huwa ħa l-ewwel tagħlim mużikali fi ħdan din l-Għaqda. Serva bħala Assistent Surmast taħt Muscat Azzopardi u fis-sena 1963 ħa f’idejħ it-treġija tal-banda. Mro. Mizzi irrevoluzzjona l-qasam bandistiku bl-introduzzjoni ta’ bandisti tfajliet fil-baned tagħna. Kien fuq l-insistenza tiegħu li l-banda irdoppjat is-servizzi tagħha fil-festa titulari. Il-ħidma fil-qasam bandistiku wasslet sabiex fis-sena 1983, il-Banda rebħet l-għola unur li banda Maltija tista tirbaħ, dak ta’ Banda tar-Republika. Kien ukoll fi żmien Mro. Mizzi, li l-Banda għamlet ir-raba’ mawra barra minn xtutna, fil-Kanada (1993) u b’hekk saret l-ewwel banda maltija li daqqet fil-kontinent Amerikan. Mro. Mizzi kien kompożitur prolifiku, iżda f’Ħal Qormi jibqa magħruf għat-tlett innijiet/responsorji li bihom il-Banda San Ġorġ Martri tagħlaq il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.

Mario Testa: Bħal predeċessur tiegħu huwa ħa l-ewwel tagħlim mużikali fi ħdan il-Banda San Ġorġ Martri. Għal diversi snin huwa serva bħala Assistent Surmast sakemm fis-sena 2002 huwa nħatar surmast direttur. Id-direzzjoni

mużikali tiegħu kienet karrateriżata mid-diversi programmi mużikali li l-banda ta’ sikwiet ittella’. Mro. Testa mexxa lill banda fil-ħames mawra tagħha barra minn xtutna, fil-belta ta’ Birmingham fir-Renju Unit (2006). Mro. Testa huwa wkoll kompożiur ta’ ħila li l-arkivju tal-għaqda huwa mgħoni b’bosta xogħolijiet tiegħu.

Archibald Mizzi: Fis-sena 2007, l-Għaqda ħtiġilha li taħtar surmast ġdid. Għajnejha mill-ewwel marru fuq iben ieħor dehen tagħha. Mro. Mizzi, kompla fuq il-passi tal-predeċessuri tiegħu. Jibqa miftakar għan-numru kbir ta’ programmi li tella’ fl-okkażjoni tal-125 anniversarju mit-twaqqif tal-banda. Kien fi żmien dan is-surmast li l-Banda għamlet is-sitt mawra tagħha barra minn xtutna, meta għal darb’oħra f’Reggio di Calabria ħadet sehem fil-festi ad unur il-Madonna tal-Konsolazzjoni. Il-kompożizzjonijiet ta’ Mro Mizzi, illum jindaqqu minn bosta baned madwar id-dinja.

Tagħrif - Joseph A. Bugeja

Kuntatt

       Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri A.D 1893

       Palazz Giuseppe Farrugia

       59, Triq il-Kbira

       Ħal Qormi

       bandasangorg@live.com

Segwina

  • Facebook
  • Instagram
  • YouTube

©2020 Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri AD 1893