125 Sena Anniversarju mit-Twaqqif tal-Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri

Eżattament 125 sena mit-twaqqif ta’ din il-Banda, l-Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri waqqfet Kummissjoni bl-għan li flimkien mal-Kumitat Amministrattiv tħejji Programm fuq medda ta’ sena u nofs sabiex tiċċelebra il-125 Anniversarju mit-twaqqif ta’ din l-Għaqda.

L-ewwel attività mħejjija kienet dik tar-‘Red Mass Band’ li ġiet imtellgħa fil-5 ta’ Mejju 2018 fi Pjazza San Franġisk. Din il-Mass Band laqqgħat numru ta’ każini mifruxa ma' Malta u Għawdex li jġibu magħhom il-Kulur aħmar, sabiex flimkien esebixxew numru ta’ marċi sinonimi ma’ dawn is-Soċjetajiet.

Avveniment ieħor kien dak tad-9 ta’ Ġunju 2018, l-inawgurazzjoni tal-lapida kommemorattiva taħt il-patroċinju tal-President Emeritus Marie Lousie Coleiro Preca. Matul din is-serata ġiet inawgurata lapida kommemorattiva li tfakkar il-125 Anniversarju mit-twaqqif ta’ din l-Għaqda.

Il-Banda kompliet bl-impenji tagħha f’dan l-anniversarju importanti, hekk kif tellgħet Programm Mużikali fil-Palazz tal- Verdala fl-okkażjoni ta’ Jum il-Fondazzjoni nhar il-Ħadd 7 t’Ottubru 2018.

Is-Sena 2019 rat ukoll lil-faċċata tas-sede tieħu libsa ġdida. Dan ix-xogħol sar minn membri u voluntiera ħabrieka  ta’ dan il-każin kif ukoll bosta benefatturi li taw id-donazzjonijiet tagħhom. Ir-restawr tal-faċċata tal-palazz ġie inawgurat mill-Onor Roderick Galdes nhar is-6 t’April 2019.

Programm ieħor li l-banda San Ġorġ Martri ser tibqa mfakkra għalih huwa dak li sar nhar Ħadd il-Palm taħt id-direzzjoni tas-Surmast Salvatore Bonaffini fil-Knisja Arċipretali ta’ San Ġorġ Martri. Il-Kummissjoni 125 Anniversarju indirizzat ukoll konferenza flimkien mal-Onor Rosianne Cutajar ġewwa s-sede tal-Għaqda. Għal din l-okkażjoni, l-istess kummissjoni ħasbet ukoll sabiex tlaqqa’ lis-Surmast Bonaffini flimkien mas-Surmast Antonino Oddo għal riċeviment ġewwa s-sede tal-Għaqda. Bosta membri kellhom ukoll l-okkażjoni li jattendu.

Propju fil-jiem tal-festa ta’ San Ġorġ Martri, kellna l-okkażjoni unika li nilqgħu fostna l-istatwa ta’ San Ġorġ rebbieħ li tinsab fir-Rabat Għawdex fl-okkażjoni tal-125 sena ta’ din il-vara kif ukoll 125 sena mit-twaqqif tas-Soċjetà tagħna. Fil-21 ta’ Ġunju 2019, ġie mħejji simpożju fuq l-istorja ta’ din l-istatwa, fejn ftit mumenti wara feġġet fit-toroq tal-parroċċa tagħna.

Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ dan l-Anniversarju laħqu il-qofol tagħhom nhar il-Ġimgħa 11 t’Ottubru 2019 permezz ta’ Akkademja Mużiko-Letterarja fil-Knisja Kolleġjata ta’ San Ġorġ Martri. Matul dan il-Programm, il-Banda San Ġorġ Martri esebixxiet il-Cantata ‘Ġawhra Prezzjuża’ taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Archibald Mizzi.

Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet żgur li ser jibċgħu immniżlin flistorja ta' din l-Għaqda u fil-memorja ta' kull Ġorġjan. Mumenti li ma jintesew qatt.

Kuntatt

       Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri A.D 1893

       Palazz Giuseppe Farrugia

       59, Triq il-Kbira

       Ħal Qormi

       bandasangorg@live.com

Segwina

  • Facebook
  • Instagram
  • YouTube

©2020 Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri AD 1893